Il-Malti Waqt l-Art Form Week

Kitba tas-Sa. Claire Zerafa

 

Waqt il-lezzjonijiet tal-Malti li saru bejn is-17 u l-21 t’Ottubru, 2022, l-istudenti tad-disa’ sena studjaw il-poeżija ‘Univers Ieħor’ u l-istudenti tal-ħdax-il sena, studjaw il-poeżija ‘Żagħżugħ ta’ Dejjem’, it-tnejn ta’ Dun Karm Psaila. Dan minħabba li t-18 t’Ottubru taħbat il-ġurnata tat-twelid tal-Poeta Nazzjonali Malti u għalhekk fl-iskejjel niċċelebraw Jum Dun Karm.

 

Fl-ewwel żewġ lezzjonijiet tal-ġimgħa saret analiżi tal-poeżija, filwaqt li fiż-żewġ lezzjonijiet l-oħra tal-ġimgħa, l-istudenti taw l-interpretazzjoni artistika tagħhom lil dawn ix-xogħlijiet letterarji. L-istudenti kienu liberi jagħżlu huma b’liema mod artistiku riedu jinterpretaw il-poeżija.

 

9 Chiaro Scuro – L-istudenti f’din il-klassi nqasmu f’erba’ gruppi. Grupp ta’ mużiċisti fasslu mużika u ħolqu kanzunetta bil-lirika tal-poeżija, grupp ieħor żifen ma’ din il-mużika, grupp ieħor interpreta l-poeżija bi tpinġijiet, filwaqt li l-grupp l-ieħor ħa ħsieb li jgħaqqad kollox f’filmat.

 

9 Sfumato – L-istudenti għażlu biċċa mużika li fil-fehma tagħhom hija addattata għall-interpretazzjoni tal-poeżija. Grupp ta’ żeffiena żifnu ma’ din il-mużika. Grupp ta’ studenti oħra għażlu li joħolqu tpinġijiet u grupp ieħor ħa ħsieb li jgħaqqad kollox f’filmat.

11 Montage u 11 Polaroid – L-istudenti li jistudjaw il-mużika, taħt id-direzzjoni tas-Sa Irina Fedcenko u s-Sur Raymond Zammit, ħolqu melodija li fil-fehma tagħhom tinterpreta t-tema tal-poeżija. L-istudenti taż-żfin żifnu ma’ din il-mużika, filwaqt li l-istudenti tal-arti pinġew xeni tal-baħar, li kien it-tema ewlenija tal-poeżija. L-istudenti tad-drama animaw il-qari tal-poeżija filwaqt li l-istudenti tal-media ħadu ħsieb li jgħaqqdu kollox f’filmat. 11 Sans Serif – L-istudenta u vjolinista Juliette Cocks, ħadet ħsieb il-mużika filwaqt li l-istudenti taż-żfin ħolqu korjografija għal ma’ din il-mużika. L-istudenti tal-arti pinġew xeni tal-baħar, li kien it-tema ewlenija tal-poeżija. L-istudenti tad-drama animaw il-qari tal-poeżija filwaqt li l-istudenti tal-media ħadu ħsieb li jgħaqqdu kollox f’filmat.